Kooperazzjoni monetarja tal-UE
L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tinvolvi l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u fiskali, politika monetarja komuni u l-ewro bħala l-munita komuni. L-ewro tnediet fl-1 ta' Jannar 1999 bħala munita virtwali għal pagamenti mhux f'kontanti u għal raġunijiet ta' kontabilità. Il-flus tal-karta u l-muniti ddaħħlu fl-1 ta' Jannar 2002.
Liema pajjiżi jużaw l-ewro?
L-ewro (€) hi l-munita uffiċjali ta' 17 minn 27 pajjiż membru tal-UE. Dawn il-pajjiżi, magħrufa kollettivament bħala ż-żona tal-ewro huma:
- l-Awstrija
- il-Belġju
- Ċipru
- l-Estonja
- il-Finlandja
- Franza
- il-Ġermanja
- il-Greċja
- l-Irlanda
- l-Italja
- il-Lussemburgu
- Malta
- il-Pajjiżi l-Baxxi
- il-Portugall
- is-Slovakkja
- is-Slovenja
- Spanja
Aqra aktar dwar il-pajjiżi membri tal-UE u l-ewro.
Iktar minn 175 miljun ruħ fid-dinja jużaw muniti oħra li huma marbuta mal-ewro.
L-għan tal-ewro
Munita unika toffri bosta vantaġġi, bħall-eliminazjoni ta' rati tal-kambju u ta' spejjeż tal-kambju dejjem jinbidlu. Minħabba li hu iktar faċli għall-kumpaniji li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri u peress li l-ekonomija hi iktar stabbli, l-ekonomija tikber u l-konsumaturi jkollhom iktar għażla. Munita unika tinkuraġġixxi wkoll lin-nies jivvjaġġaw u jixtru minn pajjiżi oħra. F'livell globali, l-ewro jagħti iktar saħħa lill-UE, peress li hu t-tieni munita internazzjonali importanti wara d-dollaru Amerikan.
Il-gestjoni tal-ewro
Il-Bank Ċentrali Ewropew li hu indipendenti hu responsabbli għall-kwistjonijiet monetarji fl-UE. L-għan ewlieni tiegħu hu li jżomm l-istabilità tal-prezzijiet. Il-BĊE jiffissa wkoll numru ta' rati tal-interessi ewlenin
għaż-żona ewro. Għalkemm it-taxxi għadhom jiġu imposti mill-pajjiżi tal-UE u kull pajjiż jiddeċiedi dwar il-baġit tiegħu, il-gvernijiet nazzjonali fasslu regoli komuni dwar il-finanzi pubbliċi
biex ikunu jistgħu jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom għall-istabilità, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.
Il-Kriżi Ekonomika u Finanzjarja
Il-kriżi ekonomika
, mill-bidu tagħha fl-2008 qanqlet azzjoni intensa u kontinwa mill-gvernijiet nazzjonali tal-UE, il-Bak Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni. Ilkoll ħadmu flimkien biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, jipproteġu l-flus imfaddla, iżommu fluss ta' kreditu li n-negozji u l-familji jistgħu jiksbu, jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja, u jimplimentaw sistema ta' governanza mtejba għall-futur.


