Inħolqot wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-ewwel passi saru biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni ekonomika: l-idea hi li l-pajjiżi li jinnegozjaw ma' xulxin isiru ekonomikament interdipendenti u b'hekk jevitaw il-kunflitt. Ir-riżultat kien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), li nħolqot fl-1958, u inizjalment żiedet il-kooperazzjoni ekonomika bejn sitt pajjiżi: il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dak iż-żmien, inħoloq suq uniku enormi u qed ikompli jiżviluppa biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.
Iżda dik li fil-bidu kienet purament unjoni ekonomika żviluppat f'organizzazzjoni li tolqot l-oqsma politiċi kollha, mill-għajnuna għall-iżvilupp sal-ambjent. Bidla fl-isem mill-KEE għall-Unjoni Ewropea (l-UE) fl-1993 irriflettiet din il-bidla.
L-UE wasslet għal nofs seklu ta' paċi, stabbiltà, u prosperità. Għenet biex tgħolli l-livell tal-għajxien, u nediet munita waħdanija Ewropea. Bis-saħħa tat-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri bejn il-pajjiżi tal-UE, in-nies tista' tivvjaġġa b'mod ħieles fil-parti l-kbira tal-kontinent. U sar iktar faċli wkoll li tgħix u taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE.
L-UE hija bbażata fuq l-Istat tad-dritt. Dan ifisser li kull ma jseħħ fl-Unjoni huwa bbażat fuq it-trattati, b'mod volontarju u demokratiku mill-Istati Membri kollha. Dawn il-ftehimiet li jorbtu jistipulaw l-għanijiet tal-UE fil-bosta oqsma ta' attività tagħha.
Wieħed mill-għanijiet prinċipali hu li nippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-Unjoni stess kif ukoll madwar id-dinja. Id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem: dawn huma l-valuri ewlenin tal-UE. Sa mill-iffirmar fl-2009 tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tgħaqqad dawn id-drittijiet kollha f'dokument wieħed. Kemm l-Istituzzjonijiet kif ukoll il-gvernijiet tal-UE huma marbuta legalment li jżommuhom meta japplikaw il-liġi tal-UE.
Is-suq uniku huwa l-magna ekonomika tal-UE. Jippermetti ċ-ċaqliq liberu tal-parti l-kbira tal-prodotti, is-servizzi, il-flus u l-persuni. Għan ewlieni ieħor hu li tiġi żviluppata din ir-riżorsa enormi biex ikun żgurat li l-Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun.
Filwaqt li tkompli tikber, l-UE tibqa' ffukata fuq il-proċess li l-Istituzzjonijiet governattivi tagħha jkunu dejjem aktar trasparenti u demokratiċi. Qed jingħataw aktar setgħat lill-Parlament Ewropew li jiġi elett direttament, filwaqt li l-parlamenti nazzjonali qed jingħataw rwol akbar billi jaħdmu id f'id mal-Istituzzjonijiet Ewropej. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini Ewropej għandhom għadd dejjem jiżdied ta' mezzi biex jieħdu sehem fil-proċess politiku.

