Kif jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE
Il-proċedura standard għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE hi magħrufa bħala l-'Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja' (dik li qabel kienet "il-kodeċiżjoni"). Dan ifisser li l-Parlament Ewropew elett b'mod dirett irid japprova l-leġiżlazzjoni tal-UE flimkien mal-Kunsill (il-gvernijiet ta' 27 pajjiż tal-UE). Min-naħa tagħha l-Kummissjoni tabbozza u timplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE.
It-Trattati tal-UE
L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-Istat tad-dritt. Dan ifisser li kull azzjoni li tieħu l-UE hi msejsa fuq it-trattati li ġew approvati b'mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi membri kollha tal-UE.
It-Trattat ta' Lisbona żied l-għadd ta' oqsma ta' politika fejn tintuża l-'Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja'. Il-Parlament Ewropew ![]()
għandu wkoll aktar setgħa biex iwaqqaf proposta jekk hu ma jaqbilx mal-Kunsill.
Ir-Regolamenti, id-Direttivi u atti oħra
L-għanijiet stabbiliti fit-trattati tal-UE jinkisbu permezz ta' tipi differenti ta' atti legali. L-atti leġiżlattivi jinkludu r-regolamenti, id-direttivi, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Wħud minnhom huma vinkolanti, u oħrajn mhumiex. Wħud minnhom japplikaw fil-pajjiżi kollha tal-UE, oħrajn għal ftit minnhom biss.
Applikazzjoni tal-Liġi tal-UE
Il-liġi Ewropea tikkonċedi drittijiet u timponi obbligi mhux biss lill-Istati Membri, iżda wkoll liċ-ċittadini u lill-intrapriżi li japplikaw għalihom għadd ta' regoli b'mod dirett. Hi tagħmel parti integrali mis-sistema legali tal-Istati Membri li qabel kollox huma responsabbli mill-implimentazzjoni tar-regoli u tal-applikazzjoni korretta tagħhom.











