Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt
L-Ewropa fi 12-il lezzjoniqbiż tal-bar għall-għażla tal-lingwa (key għall-iqsar rotta=2)
EUROPA > L-UE f’daqqa t’għajn > L-Ewropa fi 12-il lezzjoni > Lezzjoni 9

L-UE f’daqqa t’għajn

 Paġna ta’ merħba
1
2
3
4
5
6
7
8
9
10
11
12
Ewropa taċ-ċittadini
  • Minħabba l-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri jistgħu jivvjaġġaw, jgħixu u jaħdmu fi kwalunkwe post fl-Ewropa.
  • Fil-ħajja ta’ kuljum, l-UE tinkoraġġixxi u tiffinanzja programmi sabiex iġġib liċ-ċittadini eqreb ta’ xulxin, partikularment fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u tal-kultura.
  • Sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea se jiżviluppa biss bil-mod il-mod, permezz tal-kisbiet u tas-suċċessi tanġibbli tagħha.
  • Wħud mis-simboli li jirrappreżentaw identità Ewropea komuni diġà jeżistu. L-aktar prominenti hija l-munita unika, imma hemm ukoll il-bandiera u l-innu ta’ l-UE.

 

I. Tivvjaġġa, tgħix u taħdem fl-Ewropa

L-ewwel dritt ta’ ċittadin Ewropew huwa d-dritt li jivvjaġġa, jaħdem u jgħix fi kwalunkwe post fl-Unjoni. It-Trattat ta’ Maastrich inkluda dan id-dritt fil-kapitolu tiegħu dwar iċ-ċittadinanza.

L-UE approvat direttiva li tistabbilixxi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki ta’ l-edukazzjoni għolja. Din id-direttiva tapplika għall-korsijiet ta’ l-università kollha li jdumu għal aktar minn tliet snin jew aktar u hija bbażata fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka fil-kwalità tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ nazzjonali.

Kwalunkwe persuna li tkun ċittadina ta’ kwalunkwe pajjiż ta’ l-UE tista’ taħdem fis-servizzi sanitarji, f’dawk edukattivi u f’servizzi pubbliċi oħra fi kwalunkwe post fl-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ l-attivitajiet li huma koperti mill-prerogattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi (il-pulizija, il-forzi armati, l-affarijiet barranin, eċċ.). Tabilħaqq, x’jista’ jkun aktar naturali milli jiġi rreklutat għalliem Brittaniku biex jgħallem l-Ingliż f’Ruma jew li gradwat Belġjan ikun inkoraġġut jikkompeti f’eżami għas-servizz ċivili fi Franza?

Sa mill-2004, iċ-ċittadini Ewropej li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE jistgħu jiksbu kard Ewropea ta’ l-assigurazzjoni fuq is-saħħa, mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li tgħin biex ikunu koperti l-ispejjeż mediċi jekk jimirdu filwaqt li jkunu f’pajjiż ieħor.

II. Kif iċ-ċittadini jistgħu jeżerċitaw drittijiethom

L-Ewropej mhumiex biss konsumaturi jew parteċipanti fi kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali. Huma wkoll ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, u bħala tali għandhom drittijiet politiċi speċifiċi. Skond it-Trattat ta’ Maastrich, kull ċittadin ta’ l-Unjoni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet lokali  fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu jew tagħha u fl- elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew .

Dan iġib lill-UE eqreb tal-poplu tagħha. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni issa hija inkluża fit-Trattat li jiddikjara li ‘Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkomplementa u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali’.

III. Id-drittijiet fundamentali

It-Trattat ta’ Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1999, saħħaħ il-kunċett tad-drittijiet fundamentali. Introduċa proċedura biex tittieħed azzjoni kontra pajjiż ta’ l-UE li jikser id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu. Estenda wkoll il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni sabiex ikopri mhux biss in-nazzjonalità imma anki s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-età u l-orjentazzjoni sesswali.

Fl-aħħarnett, it-Trattat ta’ Amsterdam tejjeb il-politika ta’ trasparenza ta’ l-UE u ppermetta li ċ-ċittadini jkollhom aċċess akbar għad-dokumenti uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej.

L-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea favur id-drittijiet taċ-ċittadini kien affermat mill-ġdid f’Nizza, f’Diċembru 2000, bil-proklamazzjoni solenni tal- Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni EwropeaDeutschEnglishFrançais . Din il-Karta tfasslet minn Konvenzjoni magħmula mill-membri tal-parlamenti nazzjonali, mill-MEPs, mir-rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali u minn membru tal-Kummissjoni Ewropea. Taħt sitt intestaturi – Dinjità, Libertajiet, Ugwaljanza, Solidarjetà, Drittijiet taċ-Ċittadini u Ġustizzja – l-54 artikolu tagħha jistabbilixxi l-valuri fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini ta’ l-UE.

L-artikoli li bihom tiftaħ il-Karta jkopru d-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-‘integrità tal-persuna’ u d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni u tal-kuxjenza. Il-kapitolu dwar is-solidarjetà jiġbor flimkien, b’mod innovattiv, drittijiet soċjali u ekonomiċi bħal:

  • id-dritt li wieħed jistrajkja;
  • id-dritt tal-ħaddiema li jkunu informati u kkonsultati;
  • id-dritt li tkun rikonċiljata l-ħajja familjari u dik professjonali;
  • id-dritt għall-kura tas-saħħa, għas-sigurtà soċjali u għall-għajnuna soċjali ma’ l-Unjoni Ewropea kollha.

Il-Karta tippromwovi wkoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u tintroduċi drittijet bħall-ħarsien tad-data, projbizzjoni uffiċjali fuq il-prattiċi ewġeniċi u l-klonazzjoni riproduttiva tal-bnedmin, id-dritt għall-ħarsien ambjentali, id-drittijiet tat-tfal u ta’ l-anzjani u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

IV. L-Ewropa tfisser edukazzjoni u kultura

Sens ta’ appartenenza flimkien u ta’ destin komuni ma jistgħux jiġu manifatturati. Jista’ jiġi biss minn kuxjenza kulturali komuni, u din hija r-raġuni għaliex l-Ewropa jeħtieġ li tiffoka l-attenzjoni tagħha mhux biss fuq l-ekonomija imma anki fuq l-edukazzjoni, iċ-ċittadinanza u l-kultura.

Il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ ta’ l-UE huma element wieħed minn dan. Huma jippromwovu programmi ta’ skambju sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jsiefru, jipparteċipaw f’attivitajiet skolastiċi transkonfinali u konġunti u jitgħallmu lingwi ġodda, eċċ. Id-deċiżjonijiet dwar kif l-iskejjel u l-edukazzjoni jkunu organizzati u x’inhu eżatt il-kurrikulu jibqgħu jittieħdu fuq livell nazzjonali jew lokali.

Il-qasam ikkonċernat

L-isem tal-programm ta’ l-UE

Il-miri

L-edukazzjoni skolastika

Comenius

5% tat-tfal ta’ l-iskola fl-Unjoni Ewropea se jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi konġunti.

L-edukazzjoni għolja

Erasmus

Tliet miljun student se jkunu jistgħu jistudjaw f’universitajiet barra mill-pajjiż.

It-taħriġ vokazzjonali

Leonardo da Vinci

Kull sena, 80 000 persuna se jkunu jistgħu jitħarrġu f’kumpaniji u f’ċentri ta’ taħriġ f’pajjiż Ewropew ieħor.

L-edukazzjoni ta’ l-adulti

Grundtvig

7 000 persuna kull sena se jkunu jistgħu jwettqu attivitajiet edukattivi barra mill-pajjiż.

L-istudji ta’ integrazzjoni Ewropea

Jean Monnet

Appoġġ għal riċerka akkademika u għal tagħlim fl-integrazzjoni Ewropea.


Il-programmi ta’ l-UE għal tagħlim matul il-ħajja: figuri kkalkulati għall-perjodu tal-programm 2007–13

Fil-qasam tal-kultura, il-programmi ta’ l-UE ‘Kultura’ u ‘Medja’ jrawmu kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-programmi, il-promoturi, ix-xandara u l-artisti minn pajjiżi differenti. Dan jgħin biex ikunu prodotti aktar programmi tat-televiżjoni u films Ewropej, biex b’hekk jerġa’ jissawwar il-bilanċ bejn il-produzzjoni Ewropea u dik Amerikana.

V. L-Ombudsman u d-dritt li tagħmel petizzjoni

Sabiex l-UE tavviċina aktar liċ-ċittadini tagħha, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħoloq il-kariga ta’ Ombudsman. Il-Parlament Ewropew jaħtar lill-Ombudsman, li jibqa’ fil-kariga sakemm idum il-Parlament. Ir-rwol ta’ l-Ombudsman hu li jinvestiga l-ilmenti kontra l-istutuzzjonijiet u l-entitajiet ta’ l-UE. L-ilmenti jistgħu jitressqu minn kwalunkwe ċittadin ta’ l-UE u minn kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tgħix jew hija bbażata f’pajjiż membru ta’ l-UE. L-Ombudsman jipprova jirranġa ftehim amikevoli bejn min jagħmel l-ilment u l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata.

Konnessjoni oħra importanti bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet ta’ l-UE hija d-dritt ta’ kwalunkwe persuna li toqgħod fi Stat Membru li tagħmel petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

VI. L-involviment taċ-ċittadini

L-idea ta’ ‘Ewropa taċ-ċittadini’ hija ferm ġdida. Diġà jeżistu wħud mis-simboli li jirrappreżentaw identità komuni Ewropea, bħall-passaport Ewropew (li ilu jintuża sa mill-1985), l-innu Ewropew (‘Għanja ta’ Ferħ’ ta’ Beethoveen) u l-bandiera Ewropea (ċirku bi 12-il stilla fuq sfond ikħal). Il-liċenzji tas-sewqan ta’ l-UE ilhom li nħarġu fil-pajjiżi kollha ta’ l-UE sa mill-1996. L-UE adottat il-motto, ‘Magħquda fid-diversità’, u f’9 ta’ Mejju jiġi ċċelebrat ‘Jum l-Ewropa’.

Sa mill-1979, il-Parlament Ewropew kien elett direttament bil-voti ta’ dawk kollha li għandhom il-jedd jivvutaw. Dan jagħti leġittimità demokratika akbar lill-proċess ta’ l-integrazzjoni Ewropea, fejn jorbotha direttament mar-rieda tal-poplu. L-Ewropa tista’ ssir saħansitra aktar demokratika billi l-Parlament jingħata rwol akbar, billi jinħolqu partiti politiċi ġenwinament Ewropej u billi l-persuni normali jkollhom sehem akbar fit-tfassil tal-politiki ta’ l-UE permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat oħra.

L-użu tal-karti tal-flus u tal-muniti ewro sa mill-2002 kellu impatt psikoloġiku kbir. Aktar minn żewġ terzi taċ-ċittadini ta’ l-UE issa jimmaniġġjaw l-baġit personali u t-tfaddil tagħhom bl-ewro. Il-prezzijiet bl-ewro ta’ l-oġġetti u tas-servizzi jfisser li l-konsumaturi jistgħu jipparagunaw il-prezzijiet direttament minn pajjiż għall-ieħor. Il-kontrolli mal-fruntieri ġew aboliti bejn il-parti l-kbira tal-pajjiżi ta’ l-UE skond il-Ftehim ta’ Schengen (li eventwalment il-pajjiżi kollha ta’ l-UE għandhom jiffirmaw), u dan diġà jagħti liċ-ċittadini sens ta’ appartenenza għal żona ġeografika waħda u magħquda.

‘M’aħniex qed niġbru flimkien l-Istati, qegħdin nagħqdu lin-nies’, qal Jean Monnet lura fl-1952. Il-qawmien tal-kuxjenza pubblika dwar l-UE u l-involviment taċ-ċittadini fl-attivitajiet tagħha għadha waħda mill-akbar sfidi li jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet ta’ l-UE llum.

Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna