| Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt |
![]() |
| EUROPA > L-UE f’daqqa t’għajn > abc > L-Ewropa fi 12-il lezzjoni > Lezzjoni 4 |
|
Kif taħdem l-Unjoni Ewropea?
I. It-trijangolu tat-teħid tad-deċiżjonijiet L-Unjoni Ewropea hija aktar minn sempliċi konfederazzjoni ta’ pajjiżi, imma mhix stat federali. Fil-fatt hija tip ġdid ta’ struttura li ma jaqa’ fl-ebda kategorija legali tradizzjonali. Is-sistema politika tagħha hija storikament unika u ilha tevolvi b’mod kostanti għal aktar minn 50 sena.
It-Trattati (magħrufa bħala l-leġiżlazzjoni ‘primarja’), huma l-bażi ta’ korp kbir ta’ leġiżlazzjoni ‘sekondarja’ li għandha impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini ta’ l-UE. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tikkonsisti prinċipalment f’regolamenti, f’direttivi u f’rakkomandazzjonijiet li jiġu adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Dawn il-liġijiet, flimkien mal-politiki ta’ l-UE b’mod ġenerali, huma r-riżultat ta’ deċiżjonjiet li jittieħdu mit-trijangolu istituzzjonali magħmul mill-Kunsill (li jirrappreżenta lill-gvernijiet nazzjonali), mill-Parlament Ewropew (li jirrappreżenta lill-poplu) u mill-Kummissjoni Ewropa (entità indipendenti mill-gvernijiet ta’ l-UE li ssostni l-interess kollettiv Ewropew). (a) Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-Ministri) huwa l-entità ewlenija ta’ l-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Istati Membri ta’ l-UE jmisshom wara xulxin il-Presidenza tal-Kunsill għal perjodu ta’ sitt xhur. Għal kull laqgħa tal-Kunsill jattendi ministru wieħed minn kull pajjiż ta’ l-UE. Liema ministru jattendi l-laqgħa jiddependi mil-liema suġġett ikun fuq l-aġenda: l-affarijiet barranin, l-agrikultura, l-industrija, it-trasport, l-ambjent, eċċ. Il-Kunsill għandu setgħa leġiżlattiva, li jaqsam mal-Parlament Ewropew skond il-‘proċedura ta’ ko-deċiżjoni’ Skond it-Trattati, il-Kunsill irid jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu jew b’vot ta’ maġġoranza sempliċi, jew b’vot ta’ ‘maġġoranza kwalifikata’ Il-Kunsill irid jaqbel b’mod unanimu dwar kwistjonijiet importanti bħal li jsiru emendi għat-Trattati, it-tnedija ta’ politika komuni ġdida jew li pajjiż ġdid jitħalla jissieħeb fl-Unjoni. Fil-parti l-kbira ta’ każijiet oħra, tintuża votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Dan ifisser li deċiżjoni tal-Kunsill tiġi adottata jekk numru minimu speċfikat ta’ voti jkunu favur tagħha. In-numru ta’ voti allokati lil kull pajjiż ta’ l-UE bejn wieħed u ieħor jirrifetti d-daqs tal-popolazzjoni tiegħu.
Fil-prinċipju,il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena. Jiġi mmexxi mill-president jew mill-prim ministru tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea f’dak iż-żmien. Il-President Skond it-Trattat ta’ Maastricht, il-Kunsill Ewropew uffiċjalment sar l-istituzzjoni li jagħti bidu għall-politiki ewlenin ta’ l-Unjoni u ngħata s-setgħa li jsib ftehim għal kwistjonijiet diffiċli li dwarhom il-ministri li jiltaqgħu fil-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ma jkunux jistgħu jaqblu. Il-Kunsill Ewropew jittratta wkoll kwistjonijiet internazzjonali urġenti permezz tal-politika komuni ta’ l-affarijiet barranin u tas-sigurtà (CFSP), li hija maħsuba biex l-UE tkun tista’ titkellem b’leħen wieħed dwar kwistjonijet diplomatiċi. (b) Il-Parlament Ewropew Il-Parlament Ewropew huwa l-entità eletta li tirrappreżenta liċ-ċittadini ta’ l-UE. Jeżerċita superviżjoni politika fuq l-attivitajiet ta’ l-UE u jieħu sehem fil-proċess leġiżlattiv. Sa mill-1979, il-membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) bdew jiġu eletti direttament, billi kull ħames snin jivvutaw dawk kollha li għandhom il-jedd għall-vot.
Il-Parlament Ewropew normalment iżomm is-sessjonijiet plenarji tiegħu fi Strasburgu u kwalunkwe sessjoni addizzjonali fi Brussell. Għandu 20 kumitat li jagħmlu x-xogħol preparatorju għas-sessjonijiet plenarji, u numru ta’ gruppi politiċi li ġeneralment jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali huwa bbażat fil-Lussemburgu u fi Brussell. Il-Parlament jieħu sehem fix-xogħol leġiżlattiv ta’ l-UE fuq tliet livelli:
Il-Parlament Ewropew jaqsam, mal-Kunsill, anki responsabbiltà ndaqs biex ikun adottat il-baġit ta’ l-UE. Il-Parlament jista’ jirrifjuta l-baġit propost, u diġà għamel dan f’diversi okkażjonijiet. Meta jiġri dan, il-proċedura kollha tal-baġit ikollha tinbeda mill-ġdid. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-abbozz tal-baġit, li mbagħad jiġi diskuss mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament għamel użu sħiħ mis-setgħat baġitarji tiegħu biex jinfluwenza t-tfassil tal-politiki ta’ l-UE. Fl-aħħar, imma mhux l-inqas, il-Parlament Ewropew jeżerċita superviżjoni demokratika fuq l-Unjoni. Għandu s-setgħa li jxolji lill-Kummissjoni billi jadotta mozzjoni ta’ ċensura. Din teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi. Jissuperviżjona wkoll il-ġestjoni ta’ kuljum tal-politiki ta’ l-UE billi jippreżenta mistoqsijiet bil-fomm u bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. Fl-aħħarnett, il-President tal-Kunsill Ewropew jirrapporta lill-Parlament dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Kunsill. (c) Il-Kummissjoni Ewropea Il-Kummissjoni hija t-tielet parti tat-trijangolu istituzzjonali li jimmaniġġja u jmexxi l-Unjoni Ewropea. Il-membri tagħha jinħatru għal perjodu ta’ ħames snin bi ftehim bejn l-Istati Membri, soġġett għall-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tirrispondi lill-Parlament, u l-Kummissjoni kollha jkollha tirriżenja jekk il-Parlament jgħaddi mozzjoni ta’ ċensura kontra tagħha. Sa mill-2004, il-Kummissjoni hija magħmula minn Kummissarju wieħed minn kull Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha grad sostanzjali ta’ indipendenza biex teżerċita s-setgħat tagħha. Xogħolha Bħala d-driegħ eżekuttiv ta’ l-UE, il-Kummissjoni timplimenta d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kunsill f’oqsma bħall-politika agrikola komuni. Għandha setgħat kbar biex timmaniġġja l-politiki komuni ta’ l-UE, bħar-riċerka u t-teknoloġija, l-għajnuna lil pajjiżi barranin, l-iżvilupp reġjonali, eċċ. Timmaniġġja wkoll il-baġit għal dawn il-politiki. Il-Kummissjoni hija megħjuna minn servizz ċivili magħmul minn 36 direttorat-ġenerali (DĠ), li huma bbażati prinċipalment fi Brussell u fil-Lussemburgu. II. Istituzzjonijiet u entitajiet oħra (a) Il-Qorti tal-Ġustizzja Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li tinsab fil-Lussemburgu, hija magħmula minn imħallef wieħed minn kull pajjiż ta’ l-UE, megħjun minn tmien avukati-ġenerali. Jinħatru bi ftehim konġunt tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri għal perodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. L-indipendenza tagħhom hija ggarantita. Ir-rwol tal-Qorti huwa li jkun żgurat li l-liġi ta’ l-UE tiġi osservata, u li t-Trattati jiġu interpretati u applikati sew.
(b) Il-Qorti ta’ l-Awdituri Il-Qorti ta’ l-Awdituri fil-Lussemburgu kienet stabbilita fl-1975. Għandha membru wieħed minn kull pajjiż ta’ l-UE, li jinħatar għal perjodu ta’ sitt snin bi ftehim bejn l-Istati Membri wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew. Tikkontrolla li d-dħul kollu ta’ l-Unjoni Ewropea jkun wasal u li l-infiq kollu tagħha jsir b’mod legali u regolari u li l-baġit ta’ l-UE kien immaniġġjat sew. (c) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Meta jittieħdu deċiżjonijiet f’għadd ta’ oqsma ta’ politika, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(KESE). Il-membri tiegħu jirrappreżentaw lid-diversi gruppi ta’ interess ekonomiku u soċjali li b’mod kollettiv jagħmlu ‘soċjetà ċivili organizzata’, u jinħatru mill-Kunsill għal perjodu ta’ erba’ snin. (d) Il-Kumitat tar-Reġjuni Il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) kien stabbilit skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ gvern reġjonali u lokali li ġew proposti mill-Istati Membri u li nħatru mill-Kunsill għal perjodu ta’ erba’ snin. Skond it-Trattat, il-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jikkonsultaw lill-KtR dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għar-reġjuni, u l-KtR jista’ joħroġ opinjonijiet fuq l-inizjattivi tiegħu stess. (e) Il-Bank ta’ l-Investiment Ewropew Il-Bank ta’ l-Investiment Ewropew (EIB), ibbażat fil-Lussemburgu, jipprovdi self u garanziji biex jgħin lir-reġjuni inqas żviluppati ta’ l-UE u biex jgħin ħalli n-negozji jsiru aktar kompetittivi. (f) Il-Bank Ċentrali Ewropew Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), ibbażat fi Frankfurt, huwa responsabbli mill-immaniġġjar ta’ l-ewro u mill-politika monetarja ta’ l-UE (ara l-Kapitolu 7 ‘L-unjoni ekonomika u monetarja (EMU) u l-ewro’). |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
| Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna |