| Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt |
![]() |
| EUROPA > L-UE f’daqqa t’għajn > L-Ewropa fi 12-il lezzjoni > Lezzjoni 1 |
|
Għaliex l-Unjoni Ewropea?
I. Il-paċi u l-istabbiltà Qabel ma saret għan politiku reali, l-idea li l-Ewropa tingħaqad kienet biss ħolma fl-imħuħ tal-filosfi u tal-viżjonarji. Victor Hugo, pereżempju, kien jimmaġina ‘Stati Uniti ta’ l-Ewropa’ paċifiċi spirati minn ideali umanistiċi. Il-ħolma spiċċat fix-xejn minħabba l-gwerer terribbli li ħarbtu l-kontintent matul l-ewwel nofs tas-seklu 20. Madankollu, mit-tifrik tat-Tieni Gwerra Dinjija, bdiet tixref tip ġdid ta’ tama. Dawk li kienu rreżistew ir-reġimi totalitarji matul il-gwerra kienu ddeterminati li jtemmu l-mibegħda u r-rivalità internazzjonali fl-Ewropa u joħolqu l-kondizzjonijiet għal paċi dejjiema. Bejn l-1945 u l-1950, grupp ta’ statisti kuraġġużi, inklużi Robert Schuman, Konrad Adenauer, Alcide de Gasperi u Winston Churchill, ipprovaw jipperswadu lill-popli tagħhom biex jidħlu f’era ġdida. Fl-Ewropa tal-Punent kellhom jinħolqu strutturi ġodda, ibbażati fuq interessi komuni u mibnija fuq trattati li jiggarantixxu is-supremazija tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-pajjiżi kollha. Robert Schuman (Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż) ħa idea li oriġinarjament kienet ta’ Jean Monnet u, fid-9 ta’ Mejju 1950, ippropona li tiġi stabbilita Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEKA). F’pajjiżi li darba kienu jiġġieldu kontra xulxin, il-produzzjoni tal-faħam u ta’ l-azzar kellha tinġabar flimkien taħt Awtorità Għolja komuni. B’mod prattiku imma wkoll ferm simboliku, il-materja prima tal-gwerra kienet qed titbiddel fi strumenti ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi. II. L-Ewropa għal darb’oħra flimkien L-Unjoni Ewropea nkoraġġiet l-unifikazzjoni tal-Ġermanja wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989. Meta fl-1991 sfaxxa l-imperu Sovjetiku, il-pajjiżi eks-Komunisti ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, wara għexieren ta’ snin taħt il-madmad awtoritarju tal-Patt ta’ Varsavja, iddeċidew li l-ġejjieni tagħhom kien jinsab fi ħdan il-familja tan-nazzjonijiet demokratiċi Ewropej. Il-proċess tat-tkabbir ikompli sal-lum. F’Ottubru 2005 nfetħu n-negozjati għad-dħul tat-Turkija u tal-Kroazja, filwaqt li diversi pajjiżi fil-Balkani rħewlha għal għonq it-triq li xi darba tista’ twassal għal sħubija fl-UE. III. Is-sikurezza u s-sigurtà L-Ewropa fis-seklu 21 għadha tiffaċċja kwistjonjiet ta’ sikurezza u ta’ sigurtà. L-UE trid tieħu azzjoni effettiva biex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà tal-membri tagħha. Trid taħdem b’mod kostruttiv mar-reġjuni li jinsabu eżatt lil hinn mill-fruntieri tagħha: il-Balkani, l-Afrika ta’ Fuq, il-Kawkasu u l-Lvant Nofsani. Trid ukoll tħares l-interessi militari u strateġiċi tagħha billi taħdem ma’ l-alleati tagħha, speċjalment fi ħdan in-NATO, u billi tiżviluppa politika ġenwina u komuni għas-sigurtà u għad-difiża ta’ l-Ewropa. Is-sigurtà interna u dik esterna huma ż-żewġ naħat ta’ l-istess munita. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ li l-qawwiet tal-pulizija tal-pajjiżi kollha ta’ l-UE jaħdmu flimkien mill-qrib. Li l-UE ssir ‘żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja’ fejn kulħadd għandu aċċess indaqs għall-ġustizzja u huwa mħares bl-istess mod mil-liġi hija sfida ġdida li teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib fost il-gvernijiet. Entitajiet bħall-Europol, l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, u l-Eurojust, li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-prosekuturi, l-imħallfin u l-uffiċjali tal-pulizija f’pajjiżi differenti ta’ l-UE, għandhom ukoll rwol aktar attiv u effettiv. IV. Is-solidarjetà ekonomika u soċjali L-Unjoni Ewropea nħolqot biex tintlaħaq il-mira politika tal-paċi, imma d-dinamiżmu u s-suċċess tagħha jirriżulta mill-involviment tagħha fl-ekonomija. Fil-pajjiżi ta’ l-UE joqogħdu dejjem aktar l-iżgħar perċentwali tal-popolazzjoni dinjija. Għalhekk il-pajjiżi jridu jkomplu jaħdmu flimkien jekk iridu jiżguraw irwieħhom minn tkabbir ekonomiku u jkunu jistgħu jikkompetu ma’ ekonomiji ewlenija oħrajn fid-dinja. L-ebda pajjiż individwali ta’ l-UE mhu biżżejjed b’saħħtu biex jimxi waħdu fil-kummerċ dinji. Is-suq uniku Ewropew jipprovdi lil kumpaniji bi pjattaforma vitali minfejn jikkompetu b’mod effettiv fis-swieq dinjija. Imma kompetizzjoni ħielsa ma’ l-Ewropa kollha trid tkun ibbilanċjata minn solidarjetà ma’ l-Ewropa kollha. Dan għandu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini Ewropej: meta jsiru vittmi ta’ għargħar u ta’ diżastri naturali oħra, jirċievu għajnuna mill-baġit ta’ l-UE. Il-Fondi Strutturali, li huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea, jinkoraġġixxu u jissupplimentaw l-isforzi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ta’ l-UE biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-partijiet differenti ta’ l-Ewropa. Il-flus li jiġu mill-baġit ta’ l-UE u s-self mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (EIB) jintużaw biex tittejjeb l-infrastruttura Ewropea tat-trasport (pereżempju, biex ikun estiż in-netwerk ta’ l-awtostradi u tal-binarji tal-ferroviji b’veloċità għolja), biex b’hekk ikun provdut aċċess aħjar għar-reġuni l-aktar imbiegħda u jingħata spinta lill-kummerċ trans-Ewropew. Is-suċċess ekonomiku ta’ l-UE se jitkejjel parzjalment bil-kapaċità tas-suq uniku tagħha ta’ nofs biljun konsumatur li jkun ta’ benefiċċju għall-akbar numru possibbli ta’ persuni u ta’ negozji. V. L-identità u d-diversità f’dinja globalizzata Is-soċjetajiet post-industrijali ta’ l-Ewropa qed isiru dejjem aktar kumplessi. L-istandards ta’ għajxien kibru b’mod stabbli, imma għad hemm distakki sinifikanti bejn is-sinjuri u l-foqra. It-tkabbir wessa’ d-distakk peress li xi pajjiżi ssieħbu bi standards ta’ għajxien li huma taħt il-medja ta’ l-UE. Huwa importanti li l-pajjiżi ta’ l-UE jkomplu jaħdmu flimkien biex iċekknu d-distakk. Imma dawn l-isforzi ma sarux billi ġew kompromessi l-karatteristiċi kulturali jew lingwistiċi separati tal-pajjiżi ta’ l-UE. Anzi – ħafna attivitajiet ta’ l-UE għinu biex jinħoloq tkabbir ekonomiku ġdid ibbażat fuq speċjalitajiet reġjonali u fuq id-diversità rikka ta’ tradizzjonijiet u kulturi.
Nofs seklu ta’ integrazzjoni Ewropea wera li l-UE kollha hija akbar mis-somma tal-partijiet tagħha: għandha aktar influwenza ekonomika, soċjali, teknoloġika, kummerċjali u politika milli kieku l-Istati Membri tagħha kellhom jaġixxu b’mod individwali. Hemm valur miżjud meta jaġixxu flimkien u jitkellmu b’leħen wieħed bħala l-Unjoni Ewropea. Għaliex?
TMissirijietna kienu jgħidu ‘fl-għaqda hemm is-saħħa’ u dan għadu rilevanti bħal qatt qabel għall-Ewropej ta’ llum. Imma l-proċess ta’ l-integrazzjoni Ewropea ma ħonoqx il-modi differenti ta’ għajxien, it-tradizzjonijiet u l-kulturi tal-popli Ewropej. Tabilħaqq, l-UE tagħmel mid-diversità tagħha wieħed mill-valuri ewlenin tagħha. VI. Il-valuri L-UE tixtieq tippromwovi valuri umanitarji u progressivi, u tkun żgura li l-bnedmin ikunu l-benefiċjarji, pjuttost milli l-vittmi, tal-bidliet globali kbar li qed iseħħu. Il-ħtiġijiet tan-nies ma jistgħux jiġu sodisfatti sempliċement mill-forzi tas-suq jew jiġu imposti b’azzjoni unilaterali. B’hekk l-UE tirrappreżenta fehma dwar il-bniedem u mudell ta’ soċjetà li l-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tagħha jappoġġaw. L-Ewropej jgħożżu l-wirt rikk ta’ valuri tagħhom, li jinkludi twemmin fid-drittijiet tal-bniedem, fis-solidarjetà soċjali, fl-intrapriża ħielsa, f’distribuzzjoni ġusta tar-riżultati tat-tkabbir ekonomiku, fid-dritt għal ambjent imħares, fir-rispett għal diversità kulturali, lingwistika u reliġjuża u f’taħlita armonjuża ta’ tradizzjoni u progress. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, li kienet ipproklamata f’Nizza f’Diċembru 2000, tistabbilixxi d-drittijiet kollha li huma rikonoxxuti llum mill-Istati Membri ta’ l-UE u miċ-ċittadini tagħhom. Dawn il-valuri jistgħu joħolqu sens ta’ familja bejn l-Ewropej. Biex nieħdu biss eżempju wieħed, il-pajjiżi kollha ta’ l-UE abolixxew il-piena tal-mewt. |
| Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna |